|
Ir-Reġistru Pubbliku jifforma parti mid-Direttorat Ġenerali, Reġistru Pubbliku
u ta' l-Artijiet. Ir-Reġistru Pubbliku għandu żewġ funzjonijiet distinti u ċioe:-
Dawk li joħorġu mill-Att tar-Reġistru Pubbliku Kap. 56 b'funzjonijiet konnessi
mar-reġistrazzjoni ta' l-atti notarili u atti oħra ġudizzjarji, u
Dawk konnessi mal-Kodiċi Ċivili u mal-Liġi taż-Żwieġ Kap. 255. It-tnejn għandhom
x'jaqsmu ma' l-Istat Ċivili.
Sezzjonijiet Prinċipali tar-Reġistru Pubbliku
Sezzjoni ta' l-Ipoteka:- Din hija s-sezzjoni fejn noti jiġu reġistrati
u li tieħu ħsieb ta' u wkoll iżżomm ammont tal-krediti kollha garantiti
f'ċerti kawżi ta' preferenza, tal-benefiċċju tas-separazzjoni tal-wirt,
in kwantu taffetwa propjeta immobiljarja kif ukoll ta' tiġdid t'iskrizzjonijiet,
t'ipoteka jew ta' privileġġ, kif ukoll ta' noti ta' referenza.
Sezzjoni ta' l-Insinwa:- Din is-sezzjoni tieħu ħsieb l-insinwazzjoni
ta' trasferimenti ta' propjeta immobiljarja u drittijiet reali fuqha,
diviżjonijiet, trasferimenti "Causa Mortis", testmenti u kuntratti ta' ftehim
fuq żwieġ.
Sezzjoni Stat Ċivili:- Din is-sezzjoni tieħu ħsieb ir-reġistrazzjoni u
l-ħruġ ta kopji ta' l-atti tat-twelid, żwieġ u mewt. Tieħu ħsieb ukoll li
tnizzel l-annotazzjonijiet relattivi fuq ir-reġistri ta' dawn l-atti.
Din is-sezzjoni tagħti regolarment informazzjoni ta' natura statistikali
lil diversi dipartimenti governattivi fosthom lill-Uffiċċju Ċentrali ta'
l-Istatistika.
Reġistru taż-Żwieġ:- Din is-sezzjoni tilqa' applikazzjonijiet minn
koppji għarajjes għall-pubblikazzjoni tat-tnidijiet taż-żwieġ tagħhom, kif
titlob il-Liġi taż-Żwieġ ta' l-1975, u dana mhux iktar tard minn 6 ġimgħat u
mhux qabel 3 xhur mid-data ta' tali żwieġ. Minn hawn joħorġu wkoll
id-dokumenti kollha relattivi biex isiru iż-żwiġijiet. Din is-sezzjoni
tieħu ħsieb ir-reġistrazzjoni ta' żwiġijiet li jkunu saru barra minn Malta
(fejn parti waħda mill-miżżewġin tkun ta' ċittadinanza maltija) kif ukoll dawk
iż-żwiġijiet reliġjużi ta' qabel is-sena 1975 li ma kinux ġew reġistrati
dakinhar. Din is-sezzjoni tniżżel l-annotazzjonijiet relattivi fuq ir-reġistri
taż-żwieġ fejn il-mara tagħżel li tirreverti għall-kunjomha ta' xebba bis-saħħa
ta' kuntratt ta' separazzjoni jew b'sentenza tal-qorti.
|